L-għan tal-proċess tal-petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew hu li jiġi żgurat li jkollok l-opportunità li tikkomunika mal-Parlament u tesprimi d-dritt tiegħek li tressaq petizzjoni, li hu wieħed mid-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin u resident Ewropew, imnaqqax kemm fit-Trattat kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Aqra aktar dwar dan fit-Trattat ta' Lisbona.

Il-petizzjoni tiegħek tippermetti li l-Parlament, permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu, iwettaq kontroll oġġettiv u kontinwu tal-mod kif qed tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni Ewropea u jkejjel kemm l-istituzzjonijiet Ewropej qed jirreaġixxu għall-preokkupazzjonijiet tiegħek.

L-għan tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet hu li jipprovdi rispons għall-petizzjonijiet kollha u, fejn ikun possibbli, joffri rimedju mhux ġudizzjarju għal preokkupazzjonijiet leġittimi dwar kwistjonijiet relatati mal-oqsma ta' attività tal-UE li l-petizzjonanti jqajmulna.

Dan il-portal tfassal b'mod li jippermettilek tressaq il-petizzjoni tiegħek b'mod elettroniku, billi ssegwi proċess ta' reġistrazzjoni faċli biex jintuża u familjari; imma l-iskop tiegħu hu anke li jikkomunika l-kwistjonijiet li jitqajmulna minn ħaddieħor, f'forma konċiża, u li jagħti informazzjoni dwar il-petizzjonijiet li diġà rċevejna.  Il-funzjoni ta' tiftix tippermettilek tiffoka fuq il-kwistjonijiet li jikkonċernawk direttament u tara x'qed jgħid ħaddieħor dwar kwistjonijiet relatati mal-UE. Tabilħaqq, dan il-portal jippermettilek ukoll tagħti l-appoġġ tiegħek fuq l-internet għall-petizzjonijiet miftuħa li l-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikunu ddikjaraw bħala ammissibbli.

Jekk tixtieq tressaq petizzjoni f'verżjoni stampata, m'hemm l-ebda formola x'timla jew format standard x'issegwi.

 

Madankollu, il-petizzjoni tiegħek trid:

 

  • tinkludi ismek, iċ-ċittadinanza u l-indirizz permanenti tiegħek (fil-każ li petizzjoni titressaq minn grupp, trid tinkludi l-isem, iċ-ċittadinanza u l-indirizz permanenti ta' min ikun qed jippreżentaha jew, tal-anqas, l-ewwel firmatarju);
  • tkun iffirmata.

 

Mal-petizzjoni tiegħek tista' tinkludi annessi, inklużi kopji ta' kull dokument ġustifikattiv li jista' jkollok.

Il-petizzjoni għandha tintbagħat lil:

 

President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet

European Parliament

B-1047 BRUSSELS

Minnu nnifsu, il-proċess tal-petizzjonijiet hu wieħed miftuħ u trasparenti. Ħafna petizzjonijiet isir dibattitu dwarhom fil-laqgħat tal-Kumitat (agħfas hawn biex tara filmati mil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet), fejn il-petizzjonanti jieħdu sehem b'mod attiv. Madankollu, minħabba n-natura varjata tal-petizzjonijiet u l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li nirċievu, mhux kull petizzjoni tiġi diskussa fil-Kumitat; il-membri jistgħu jagħżlu li jieħdu deċiżjoni dwarhom permezz ta' sistema regolari ta' skrutinju politiku.

Fil-każijiet kollha, il-petizzjonanti jiġu infurmati f'kull stadju tal-proċess tal-petizzjoni u jirċievu ittra mingħand il-President li tinfurmahom dwar l-eżitu.